gov.mt

PR261487

PR261487

15/09/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa miftuħa tal-Kabinett fl-ewwel mitt jum tal-Gvern bit-tema ‘100 Jum Bis-Saħħa Tiegħek’

Approvat fond ġdid għall-kumpens ta’ terzi persuni milquta minn ħsarat ikkawżati minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni
Jissaħħu l-inċentivi għall-membri tal-korpi dixxiplinati biex jibqgħu fis-servizz
Approvat tnaqqis fit-taxxa tal-boll, minn 5% għal 1.5%, fuq it-trasferiment ta’ negozju bejn membri tal-familja

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela mexxa laqgħa miftuħa tal-Kabinett fl-ewwel mitt jum tal-Gvern, bit-tema ‘100 Jum Bis-Saħħa Tiegħek’. 

Matul il-laqgħa l-Prim Ministru ħabbar numru ta’ deċiżjonijiet ilkoll immirati biex isaħħu l-protezzjoni tal-familji u l-kundizzjonijiet ta’ dawk li jagħtu servizz essenzjali lill-pajjiż.

L-ewwel deċiżjoni tikkonċerna l-ħolqien ta’ fond għall-kumpens ta’ terzi li jsofru ħsarat fil-proprjetà tagħhom minħabba xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li jkun qed issir maġenbhom. Fil-fatt, il-Kabinett approva l-emendi legali meħtieġa biex ikun jista’ jitwaqqaf dan il-mekkaniżmu, li permezz tiegħu l-Gvern ikun jista’ jikkumpensa lir-residenti milquta, imbagħad jieħu fuqu l-proċess sabiex jirkupra d-danni mingħand min ikun responsabbli.

L-implimentazzjoni ta’ din il-miżura mistennija tnaqqas il-burokrazija għal min isofri ħsara u tippermetti li t-tiswijiet meħtieġa jsiru aktar malajr. Il-fond se jkun sostnut minn riżorsi ġġenerati mill-industrija tal-kostruzzjoni stess u se jkompli jsaħħaħ il-kontabbiltà u l-istandards fis-settur. Dr Abela qal li din l-inizjattiva tibni fuq riformi oħra, fosthom is-sistema ta’ liċenzjar, it-taħriġ u l-introduzzjoni tal-skills card għal min jaħdem fuq siti ta’ kostruzzjoni.

It-tieni deċiżjoni tolqot direttament lill-membri tal-korpi dixxiplinati, bil-Kabinett japprova avviż legali li se jkun qed itejjeb l-inċentivi għal uffiċjali li jibqgħu fis-servizz wara 25 sena. B’din id-deċiżjoni l-inċentiv marbut mat-titjib fil-pensjoni se jiżdied minn 23% għal 29%, filwaqt li l-allowance mhux taxxabbli għal min ikompli jservi wara servizz ta’ 29 sena se jkun jista’ jingħata fuq perjodu ta’ sitt snin minflok erbgħa. L-għan aħħari ta’ dawn il-miżuri huwa li jżommu fi ħdan il-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna aktar uffiċjali b’esperjenza, u b’hekk tkompli ssaħħaħ il-livell ta’ sigurtà fil-pajjiż u fost il-komunitajiet.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implementazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia, ħabbar kif il-Kabinett approva wkoll avviż legali ieħor sabiex it-taxxa tal-boll tonqos b’mod permanenti minn 5% għal 1.5% fuq trasferiment ta’ negozju bejn membri tal-familja. Dan l-avviż legali se jkun qed jiffaċilita ukoll il-proċess ta’ meta jiġi nieqes membru tal-familja waqt li jkun għadu għaddej il-proċess tat-trasferiment billi jippermetti li l-eredi jibbenefikaw mir-rata tat-taxxa tal-boll imnaqqsa. 

Dawn huma tliet miżuri oħra mill-programm elettorali li qed jiġu mwettqa matul l-ewwel mitt jum tal-Gvern. 

Matul il-laqgħa il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern se jkun qed ikompli jimpenja ruħu biex isaħħaħ l-ippjanar fit-tul, jkompli jmexxi ’l quddiem deċiżjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju tas-sostenibbiltà u joħloq miri li jmorru lil hinn minn leġiżlatura waħda. F’dan il-kuntest, Dr Abela spjega kif il-miri fit-tul tal-pajjiż huma riflessi kemm fil-programm elettorali tal-Gvern kif ukoll fil-Viżjoni Malta 2050.

Il-Prim Ministru nnota kif l-ekonomija soda li għandu pajjiżna flimkien mat-tkabbir ekonomiku pożittiv qed jagħtu lill-Gvern il-mezzi neċessarji biex ikompli jwettaq proġetti maġġuri u jagħtu lok għal investiment dirett fil-benesseri tan-nies. 

Huwa rrefera wkoll għal numru ta’ miri li għandu pajjiżna u li l-Gvern kommess biex jilħaqhom permezz ta’ proġetti maġġuri, ilkoll maħsuba biex jagħmlu lil pajjiżna sod, reżiljenti u preparat għal futur.

Dr Abela saħaq li l-Gvern jinsab kommess u se jkompli jisma’ u jilqa’ l-ideat tan-nies, inkluż ta’ dawk li mhux neċessarjament jaqblu ma’ kull deċiżjoni tiegħu, sabiex l-aħjar proposti jkunu jistgħu jsiru parti mill-ħidma għall-futur tal-pajjiż.

Fil-fatt, tul il-laqgħa tal-Kabinett intervjenew ukoll persuni minn oqsma differenti fis-soċjetà, fejn iddiskutew it-triq ’il quddiem għal-pajjiżna fl-oqsma rispettivi tagħhom filwaqt li rrikonoxxew ix-xogħol li sar minn dan il-Gvern mhux biss tul l-aħħar mitt jum ta’ din il-leġiżlatura, iżda fl-aħħar snin.